Dar Sant’Anna

Fis-seklu 18, is-Senglean Joseph Cornelio xtara dar kbira li kellha oratorju privat. Meta hu u martu mietu d-dar inwirtet minn binthom Magdalene. Fl-14 ta’ Diċembru 1764 Magdalena u żewġha Nicholas Dingli kellhom l-ewwel bint, Marianna. Sfortunatament, fis-17 ta’ Lulju 1766 it-tifla mietet. Ħdax-il xahar wara, Magdalene welldet tifla oħra li semmewha wkoll Marianna. Erba’ snin u nofs wara, twieled l-uniku iben tagħhom li wkoll miet ta’ età tenera. Snin wara, traġedja oħra laqtet lill-familja Dingli hekk kif Marianna mietet fl-età ta’ 25 sena mingħajr ma leħqet kellha tfal. Peress li Magdalene u Nicholas ma kienx fadalhom tfal oħra lil min setgħu jħallu ġidhom, iddeċidew li jibdlu d-dar tagħhom f’dar għal nisa anzjani u fraġli. Fit-3 ta’ Settembru 1819 id-dar fetħet il-bibien tagħha u fil-bidu setgħat takkomoda 6 nisa. Il-kappella ġewwa d-dar ġiet iddedikata lil Sant’Anna. Ġie stabbilit li 3 nisa kellhom ikunu min-naħa ta’ Magdalene filwaqt li t-3 l-oħra kellhom ikunu qraba ta’ Nicholas. Jekk ma jkunx hemm qraba tagħhom kellhom jiġu preferuti nisa mill-Isla jew is-Siġġiewi fejn kienu joqogħdu l-qraba ta’ Nicholas. Fit-23 ta’ Ottubru 1980 il-bini twaqqa’ u sal-1984 reġa’ nbena mill-ġdid. Id-dar il-ġdida ingħatat l-isem ta’ Dar Sant’Anna u ġiet inawgurata fit-30 ta’ Ġunju 1987 mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons Ġużepp Mercieca.

Aqsam l-għarfien
Facebook
LinkedIn
Email
Print