Proġetti
Wieħed mill-għanijiet ewlieni tal-Fondazzjoni Kottonera huwa li tenfasizza l-importanza tal-wirt kulturali. Fil-fatt, il-Fondazzjoni nedhiet programm ta’ xogħol ta’ restawr li jinkludi 25 siti storiċi fil-Kottonera. €8 miljun ġew allokati għal dan ir-restawr. Uħud mix-xogħol li għaddej qed isir fuq il-Porto Salvo u fuq is-saqaf ta’ wara l-frontun fil-knisja Parrokkjali tal-Isla, fuq il-mitħna ta’ San Ġwann T’Għuxa u l-Kappella tan-Natività taħt l-art f’Bormla, Qed isir ukoll xogħol fuq il-parti ta’ fuq tal-Bieb ta’ Notre Dame u l-Berġa ta’ Franza fil-Birgu; kif ukoll restawr ta’ diversi niċeċ u dak tas-swar u l-każemati fil-Forti Ricasoli ġewwa l-Kalkara flimkien ma’ ħafna xogħlijiet oħra.
Barra minn hekk, il-Fondazzjoni Kottonera qed tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti li ġejjin:
F’Bormla se jsir it-tisbiħ ta’ Pjazza Santa Margherita biex tinkorpora żona tal-logħob għat-tfal, kjosk u ċentru kulturali. Se ssir ukoll riabilitazzjoni ta’ spazji miftuħa fi ħdan is-swar u proġetti ta’ tiġdid urban fi Triq Sofia u Suq Bonniċi.
Fl-Isla għaddejjin ir-restawr tas-swar ta’ San Mikiel inkluż ir-restawr tat-torri tal-arloġġ u t-titjieb ta’ Pjazzetta Gorg Mitrovich. Barra minn hekk, qed isir titjieb fis-sistema arkitettonika u s-sistema tad-dawl fi Ġnien il-Gardjola u x-xatt tal-Isla. Proġetti oħra li għaddejjin bħalissa huma l-manutenzjoni ta’ spazji miftuħa ‘fin-Niżla tal-Ponta’ u t-tisbiħ ta’ Pjazza l-4 ta’ Settembru u Pjazza Dun Mauro Inguanez.
Ġewwa l-Birgu se ssir ir-rikostruzzjoni tat-triq tat-Toqba tal-Birgu li tinkludi r-rikostruzzjoni tal-klabb tar-Regatta u l-iżvilupp ‘tal-Ġnien Sensorjali’ kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri għal żoni pedonali.
Fil-Kalkara hemm proġettat investiment ta’ €15-il miljun li se jikkonsisti fil-pavimentar mill-ġdid u r-riorganizzazzjoni ta’ Misraħ l-Arċisqof Gonzi fejn ix-xatt se jkun imsebbaħ u se tinħoloq rotta pedonali ta’ 4.5 metri madwar il-Kottonera mill-Isla għal Bighi.