Kottonera
L-istorja
Il-Kottonera hija komposta mit-Tliet Ibliet: Bormla, l-Birgu u l-Isla, u l-lokalità tal-Kalkara.
It-Tliet Ibliet huma magħmula minn żewġ peniżoli li jisporġu fil-Port il-Kbir, li fuqhom jinsabu l-Birgu u l-Isla; u t-tielet belt, Bormla li tgħaqqad liż-żewġt ibliet l-oħra u hija mdawra mil-linji tal-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera u ta’ Santa Margerita. Ir-raba’ lokalità, il-Kalkara li hija l-akbar waħda mill-erba’ lokalitajiet tinsab fit-tramuntana tat-Tliet Ibliet.
Il-lokalitajiet tal-Kottonera għandhom kultura u storja prestiġjuża ħafna. Meta l-kavallieri ta’ San Ġwann waslu Malta l-belt kapitali ta’ dak iż-żmien kienet l-Imdina; iżda l-Kavallieri għażlu li jmexxu l-bażi tagħhom il-Birgu biex ikunu viċin il-port. It-tlett ibliet kienu ta’ importanza kbira biex Malta tirbaħ l-Assedju l-Kbir minħabba l-post strateġiku tagħhom. Il-Kavallieri irrikonoxxu l-irwol kruċjali ta’ Bormla, il-Birgu u l-Isla fid-difiża tal-gżejjer Maltin u onorawhom billi tawhom it-titlu ta’ bliet. Bormla ingħatat it-titlu ta’ Città Cospicua, il-Birgu t-titlu ta’ Città Vittoriosa u l-Isla Città Invicta. Fit-tieni gwerra dinija, il-lokalitajiet tal-Kottonera kienu kontinwament ibbumbardjati mill-għadu b’tali mod li twaqqa’ ħafna mill-bini. Saru ħsarat estensivi tant li ċerti fortifikazzjonijiet għadhom isofru l-konsegwenzi sal-ġurnata tal-lum.
Il-gvern preżenti rrikonoxxa l-potenzjal kbir tal-Kottonera. Fil-fatt, il-Kottonera Foundation twaqqfet biex ittejjjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu u jaħdmu fil-Kottonera. L-għan huwa li ntejbu l-inħawi sabiex il-Kottonera tkun attraenti għan-negozju li tirriżulta fil-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Barra minn hekk, se jsir titjib fl-infrastruttura soċjali, bħal titjib tal-faċilitajiet tas-saħħa, edukazzjoni u rikreazzjoni, li jinkoraġġixxu l-inklużjoni, jappoġġjaw id-diversità u joħolqu komunitajiet sostenibbli. Il-wirt storiku kulturali mżewwaq għandu jservi biex ikollna aktar spazji miftuħa u attrazzjonijiet li jagħmlu ġustizzja lill-istorja unika tal-Kottonera.
Birgu (Vittoriosa)
Il-Belt Vittoriosa hija magħmula minn peniżola bejn Dockyard Creek u Kalkara Creek, b’żona mhix żviluppata li testendi bejn is-Santa Margerita Lines u l-Kottonera Lines, sa Bieb is-Sultan. Iż-żona urbana hija l-iktar densa fil-parti tal-peniżola, magħmula minn sensiela ta’ toroq bi tqassim organiku u maħluq għal skopijiet residenzjali. Il-ponta tal-peniżola fiha l-Forti storiku ta’ Sant’Anġlu rrestawrat riċentament, li eleva l-element prestiġjuż tal-wirt nazzjonali daqshekk importanti. Fil-Birgu hemm spazji miftuħa li għadhom mhux żviluppati kkaratterizzati minn linji ta’ fortifikazzjonijiet li fil-qalba tagħhom hemm il-wied Tal-Ħawli – sit ta’ importanza Xjentifika u żona ta’ importanza ekoloġika, b’post prinċipali residenzjali u l-Kulleġġi ta’ De La Salle u San Dwardu fil-parti ta’ fuq.
Isla (Senglea)
L-Isla hija peniżola mibnija f’forma ta’ gradilja. Hija l-ewwel belt mibnija b’dan il-mod, liema mudell inżamm fir-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, wara li din il-belt sfat ibbumbardjata brutalment. Fid-daħla tal-Isla hemm il-Forti San Mikiel li fi ħdanha tagħlaq iż-żona residenzjali. L-ispazji miftuħa fl-Isla huma ftit u limitati għax-Xatt tal-Isla, post ta’ rikreazzjoni għan-nies tal-inħawi. In-naħa l-oħra tax-Xatt, magħruf bħala l-French Creek, huwa wżat għal skopijiet marittimi (kif ukoll bħala tarzna għat-tiswija tal-bastimenti) fejn l-aċċess għall-pubbliku huwa magħluq.
Bormla (Cospicua)
Bormla, il-belt li tinsab bejn l-Isla u l-Birgu, hija primarjament żona residenzjali fis-Santa Margerita Lines. Il-lokalità fiha proprjetajiet storiċi iżda għandha numru sinifikanti ta’ blokki tad-djar mibnijin wara l-gwerra b’tipoloġija simili għal dik ta’ f’lokalitajiet oħra fil-Kottonera. L-ispazju bejn iż-żewġ linji ta’ fortifikazzjoni jipprovdi għadd ta’ spazji kbar ta’ artijiet miftuħa, li wħud minnhom kienu wżati biex jiżviluppaw faċilitajiet tal-komunità bħall-iskejjel u l-Kumpless Sportiv Reġjonali tal-Kottonera. Fil-qalba tal-lokalità, l-iżvilupp ta-Baċir Nru. 1 ra l-użu mill-ġdid ta’ żona li qabel kienet industrijali u li żiedet b’mod sinifikanti l-ispazju pubbliku fil-lokalità u l-inħawi. Bormla tinkorpora wkoll żona estensiva maħruġa bħala Park Urban eżatt barra ż-żona urbana.
Kalkara
Il-Kalkara hija l-akbar waħda mil-lokalitajiet tal-Kottonera u jingħad li kienet żviluppata bħala subborg għat-Tlett Ibliet, eżattament barra l-Kottonera Lines. Tinkludi ż-żona kollha fit-Tramuntana tal-Birgu u tinfirex fuq żewġ għeruq ta’ art li toħroġ ‘il barra fil-Port il-Kbir: il-promontorju l-aktar urbanizzat ta’ Bighi u l-peniżola ta’ Fort Ricasoli, mal-Bajja Rinella u l-Wied ta’ Rinella bejniethom. Iż-żona residenzjali tal-lokalità żviluppat ruħha b’mod lineari tul l-għoljiet paralleli mal-linja tal-kosta u tul il-wied li jwassal għall-Kalkara Creek. Post residenzjali żgħir jinsab tul Triq Santu Rokku. Din iż-żona hija kklassifikata bħala Żona ta’ Konservazzjoni Rurali u hija kontigwa mal-iżvilupp ta’ Smart City. Il-lokalità tinkludi wkoll il-Wied ta’ Rinella bħala Żona ta’ importanza xjentifika u żona ta’ importanza ekoloġika u ġeoloġika u żona rikreattiva ta’ Rinella madwar Fort Rinella lejn in-naħa ta’ fuq li tikkonsisti l-iktar fis-sit tal-faċilitajiet tal-films Maltin.