Paolino Vassallo Square

Il-Pjazza Paolino Vassallo li tinsab fil-qalba ta’ Bormla hija msemmija għall-kompożitur Malti Paolino Vassallo, twieled fl-24 ta’ Lulju 1856 f’Bormla. Vassallo kien wieħed mill-aktar kompożituri Maltin magħrufa u kien l-ewwel kompożitur Malti li tbiegħed mill-influwenza Taljana fuq il-mużika Maltija. Fl-1875, Vassallo telaq minn Malta biex jistudja l-mużika f’Pariġi fejn baqa’ jgħix hemm 10 snin. Huwa rċieva rikonoxximent internazzjonali għax-xogħol tiegħu f’diversi okkażjonijiet. Fl-1888 huwa rritorna Malta biex iżur lill-ġenituri tiegħu iżda matul iż-żjara tiegħu ltaqa’ mal-mara futura tiegħu Marianna u b’hekk iddeċieda li jibqa’ Malta. Fl-1902 inħatar bħala Maestro di Cappella tal-Katidral tal-Imdina u tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Huwa kiteb 3 opri li huma: Amor Fatale, Frazir u Edith Cavell. L-opra Amor Fatale indaqqet għall-ewwel darba fit-3 ta’ Mejju 1898 u l-opra Frazir indaqqet fil-15 ta’ Marzu 1905 madankollu l-opra Edith Cavell indaqqet quddiem il-pubbliku għall-ewwel fil-21 ta’ Marzu 1927, erba’ snin wara l-mewt ta’ Paolino Vassallo hekk kif huwa miet fit-30 ta’ Jannar 1923. Il-pjazza f’belt twelidu Bormla ġiet imsemmija għalih bħala ġieħ għal ħajtu u għall-ħidma tiegħu. Issemmiet ukoll skola għalih il-Liċeo Superjuri Paolino Vassallo u fl-2006 deher fuq bolla postali Maltija.

Aqsam l-għarfien
Facebook
LinkedIn
Email
Print