Il-Pjazza Sagra Familja tinsab ħdejn Triq ir-Rinella u għandha veduta spettakolari tax-Xmara tal-Kalkara flimkien mad-daħla ewlenija tal-Kalkara u s-swar li jdawruha. Fil-passat, il-Pjazza Sagra Familja kienet iżgħar mil-lum u kienet magħrufa bħala ‘l-Pjazza Fwied’ għax ir-residenti kienu jsajru u jbigħu l-fwied fil-pjazza sabiex jiġbru l-flus biex jiffinanzjaw il-kostruzzjoni tal-kampnar il-qadim tal-knisja Parrokkjali. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija il-kampnar tal-knisja sofra danni estensivi waqt bumbardament mill-ajru. Riżultat ta’ dan il-knisja ġiet meqruda u l-kampnar kellu jitwaqqa’. Illum fil-Pjazza Sagra Familja wieħed isib żewġ monumenti, wieħed minnhom iffakkar il-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-ieħor huwa bust tal-kompożitur Malti Mro. Lorenzo Gonzi li kien joqgħod il-Kalkara u kkompona diversi kompożizzjonijiet importanti għall-Kalkara fosthom l-Antifona ta’ San Ġużepp u l-Innu Marċ Sagra Familja’.
- Pjazza ·