George Mitrovich Square

Il-Pjazza George Mitrovich li tinsab fid-daħla tal-Isla hija msemmija għall-patrijott u politiku Malti mill-Isla, George Mitrovich. Fis-snin bikrin tal-ħakma Ingliża f’Malta ma kien hemm l-ebda libertà tal-istampa u l-Maltin ma kienux jitħallew ikunu involuti fil-finanzi jew fl-amministrazzjoni tal-pajjiż. Għal din ir-raġuni, Mitrovich iġġieled għad-dħul tal-libertà tal-kelma f’Malta u għad-dritt għall-Maltin li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom. Huwa waqqaf il-Comitato Generale Maltese, kumitat li kien magħmul minn deputati eletti li jirrappreżentaw Maltin minn professjonijiet differenti, il-kleru u n-nobbli. Fl-1832, hu u erba’ membri oħra tal-kumitat bdew petizzjoni li talbet riformi amministrattivi. Il-petizzjoni talbet it-twaqqif tal-Consiglio Popolare li kien ikun magħmul minn madwar 30 persuna li jiġu eletti mill-klassi għolja maltija. Din il-petizzjoni ġabet kostituzzjoni ġdida fl-1835. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Mitrovich li kellu familja ta’ 12 għex fil-faqar. Huwa miet fid-dar tiegħu fil-Belt Valletta fit-13 ta’ Marzu 1885. George Mitrovich huwa meqjus bħala patrijott li ġġieled biex itejjeb il-ħajja tal-poplu Malti waqt li witta t-triq għal riformi futuri.

Aqsam l-għarfien
Facebook
LinkedIn
Email
Print