Bormla Square

Fi Pjazza Bormla wieħed isib il-Monasteru ta’ Santa Tereża fejn jgħixu s-sorijiet tal-klawsura. Dawn is-sorijiet huma magħrufa wkoll bħala s-sorijiet ta’ Santa Margerita. Il-knisja tagħhom ġiet ikkonsagrata fit-28 ta’ Ottubru 1787 mill-Isqof Vincenzo Labini. Il-knisja nbniet b’mod simili għall-knisja f’San Ġwann t’Għuxa u fiha tliet altari. Il-kostruzzjoni tal-knisja tlestiet fl-1720 u mbagħad ġiet mgħoddija lis-sorijiet. Fl-1725, il-patri Anton Barbara u Dun Pietru Saliba riedu jibdew konservatorju għal tfajliet foqra li kellhom ix-xewqa li jidħlu sorijied. Fid-9 ta’ Novembru 1726 l-ewwel 7 nisa marru joqogħdu fil-konservatorju. Fi Pjazza Bormla joqgħod ukoll l-eks President ta’ Malta, l-eċċellenza tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonniċi. Ugo Mifsud Bonnici twieled Bormla fit-8 ta’ Novembru 1932. Huwa ġej minn familja ta’ politiċi hekk kif missieru Carmelo Mifsud Bonniċi magħruf bħala “il-Gross” kien ukoll politiku Malti li serva bħala ministru. Fl-1966 Ugo Mifsud Bonniċi kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali u ġie elett fil-parlament Malti. Fl-1987, ġie maħtur fil-kabinett bħala Ministru tal-Edukazzjoni. Fl-4 ta’ April 1994, Dr Ugo Mifsud Bonniċi sar il-5 President ta’ Malta.

Aqsam l-għarfien
Facebook
LinkedIn
Email
Print