It-Trunċiera ta’ San Klement tifforma parti mil-Kottonera Lines u nbniet mill-Ingliżi fl-1853. Meta l-Ingliżi ġew Malta sabu ħafna strutturi difensivi li ma kienux kompluti. Barra minn hekk, kien hemm spazju kbir vojt bejn is-Santa Margherita lines u l-Kottonera lines li kien jgħamilha faċli għall-għadu li jattakka s-Santa Margherita lines. Minħabba f’hekk, l-Ingliżi ddeċidew li jirriformaw il-Kottonera lines f’linja ta’ ċitadelli jew trunċieri separati ċċentrati fuq is-swar kif ukoll ħolqu passaġġ bil-curtain walls. L-ewwel u l-unika ċittadella li tlestiet f’din l-iskema kienet il-Forti Verdala li jifforma parti mis-Santa Margherita Lines u l-unika trunċiera kienet dik ta’ San Klement li tgħaqqad il-forti mal-Bastjun ta’ San Klement u l-Kottonera Lines. It-trunċiera kellha żewġ sulari bi pjattaformi ta’ kanuni u postijiet tal-armi u kienet tista’ tiġbor fiha total ta’ 384 kanun u xkubetti. Il-forti u t-trunċieri intużaw ukoll bħala akkomodazzjoni tal-kwartieri tas-suldati u fl-Ewwel Gwerra Dinjija ġew ikkonvertiti f’Kamp tal-Ħabs tal-Gwerra li fih ġew internati priġunieri militari u ċivili Awstro-Ungeriżi, Ġermaniżi u Torok.
- Fortifikazzjonijiet ·